Jitwaqqaf grupp bl-għan li joħloq djalogu dwar it-tisħiħ tad-demokrazija

Numru t’attivisti mis-soċjeta’ ċivili ħabbru t-twaqqif ta’ ‘Repubblika’ organizzazzjoni mis-soċjeta’ ċivili bl-għan li jipparteċipaw fid-djalogu nazzjonali dwar il-ħarsien u t-titjib fil-mezzi tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ħarsien u t-tisħiħ tad-demokrazija f’Malta.

Fi stqarrija, l-attivisti stqarrew l-impenn tagħhom lejn il-valuri kostituzzjonali tas-sewwa li sejjħulhom is-sisien tal-ħajja tas-soċjeta’ Maltija.

Fl-istess waqt esprimew inkwiet kbir dwar it-tmermir kontinwu u perikoluż ta’ dawn is-sisien.

Repubblika qalet li trid tikkontrobwixxi għad-diskussjoni nazzjonali dwar il-preżent u l-futur ta’ pajjiżna u fl-istess waqt trid tfisser fejn jidhrilha li l-poter stabbilit jeċċedi l-limitazzjonijiet maħsuba fil-kostituzzjoni u jhedded jew jgħaffeġ l-aspirazzjonijiet ta’ soċjeta’ ħielsa u miftuħa.

Il-membri fundaturi ta’ Repubblika huma Robert Aquilina, Karl Camilleri, Sammi Davis, Manuel Delia, Alexander Hili, Joe Pace Asciak, Marion Pace Asciak, Simon Sansone u Pia Zammit.

Marion Pace Asciak hija ċ-Chairperson ad interim ta’ Repubblika.

Huma qal li Repubblika m’hi affiljata mal-ebda partit politiku u l-missjoni tagħhha mhix limitata għal xi leġislatura u l-għan ma jilħaqx xi milja ma’ xi elezzjonijiet.

L- organizazzjoni qalet li min jixtieq ikun infurmat dwar l-inizjattivi tal-moviment jew jixtieq jesprimi interess biex jissieħeb hu mistieden iżur il-paġna elettronika www.facebook.com/repubblika