​Jitwaqqa’ ajruplan militari Russu fis-Sirja

Forzi ribelli fis-Sirja sparaw fuq ajruplan militari Russu li kkraxja fit-Tramuntana tas-Sirja.
Skont rapporti mill-midja internazzjonali, il-pilota rnexxielu jevakwa mill-ajruplan qabel ma’ niżel però, x'aktarx inqabad mill-gruppi ribelli.
Filmat li qed idur fuq l-internet juri lill-ajruplan jintlaqat, filwaqt li filmat ieħor wera l-fdalijiet tal-ajruplan mal-art.
Il-forzi Russi kienu għaddejjin b’missjonijiet konġunti mal-Gvern Sirjan kontra l-gruppi ribelli fiż-żona tat-Tramuntana tas-Sirja.
Għadu mhux magħruf x’sar mill-pilota wara li nqabad jew liema grupp partikolari rnexxielu jolqot lill-ajruplan.
Il-midja qalet li nċidenti bħal dawn huma rari għar-Rusja, li bdiet l-attakki tagħha fis-Sirja f’Settembru tal-2015.