Aġġornata: Jitwaħħlu posters ġodda; “Delia qatt mhu se jkun Prim Ministru” – Trapass

Dalgħodu ntlemħu xi posters ġodda dwar il-Partit Nazzjonalista li twaħħlu f’diversi postijiet madwar Malta u Għawdex, fosthom faċċata tad-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà. Dawn il-posters jgħidu “Delia jibża’ mit-tesserati.” Il-grupp Trapass li kien wara dawn il-posters qal li Adrian Delia qatt mhu se jilħaq Prim Ministru u qed jistaġna lill-Partit bl-ebusija ta’ rasu.

Aqra: Ritratti: Jitwaħħlu kartelluni kontra l-Kap tal-PN mal-bibien tal-każini

Dawn il-posters huma l-aħħar żieda f’sensiela ta’ posters li segwiet it-telfa elettorali tal-PN fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali. Il-posters il-ġodda għandhom ukoll il-kliem In-Nazzjon Tagħna, li kien ukoll f’posters preċedenti li kellhom il-kliem “Irridu Kap li ma jħammrilniex wiċċna.” Fi kliem żgħir f’qiegħ il-posters, hemm il-kliem Stamperija Indipendenza.

Trapass qalu li l-maġġoranza tat-tesserati u votanti tradizzjonalment Nazzjonalisti mhumiex kuntenti b’Adrian Delia bħala Kap tal-Partit. Komplew jgħidu, “Għal ħafna Delia huwa impreżentabbli għaliex jirrappreżenta n-negazzjoni tal-valuri u l-prinċipji fundamentali tal-Partit Nazzjonalista.” Insistew li Delia għandu minn rajh jifhem li “huwa inġust u insensittiv li jkun piż fuq il-Partit.” Qalu li billi jimponu lilu nnifsu fuq il-Partit qed jirrendi lill-Partit ineliġibbli u “jpoġġi l-eżistenza tal-Partit f’riskju.”

Aqra: “Delia mażżra ma’ għonq il-PN” – Trapass

Il-posters twaħħlu f’Tal-Pietà, mal-Każin tal-PN f’Ħ’Attard, f’Ħal Lija u Ħal Balzan, u f’Għawdex, fis-Sannat, fir-Rabat u mar-roundabout tal-Imġarr. Dawn il-posters ġeneralment kienu mmirati lejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia. Uħud kienu favurih, bil-kliem “Ħallu lil Delia jaħdem,” filwaqt li oħrajn ħaduha qatta’ bla ħabel kontrih, bil-kliem “Delia mażżra m’għonq il-PN.”

Aqra: Ritratti: “Ħallu lil Delia jaħdem” – sinjali mal-bibien tal-każini

Intant, mistoqsi minn Newsbook.com.mt jekk hux beħsiebu jieħu vot ta’ fiduċja fi Brussell ilbiraħtlula, Delia qal li ma kienx hemm il-ħtieġa li jitlob l-vot ta’ fiduċja mill-Kunsill Ġenerali għaliex qal li “irridu naħdmu ‘l quddiem.”

Aqra: Filmat: “Ma kienx hemm ħtieġa li nitlob vot ta’ fiduċja” – Delia