Jittripplaw il-fondi għall-AWAS, imma kontrolli fuq l-akkwist jibqgħu neqsin

Miguela Xuereb

Read in English.

L-allokazzjoni finanzjarja għall-Aġenzija tal-Welfare tal-Persuni li Jfittxu Ażil (AWAS) żdiedet konsidervolment fis-sena 2019, però l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) innota li l-kontrolli fuq l-infiq – speċjalment fuq l-akkwist – kienu nieqsa.

L-aħħar rapport annwali tal-NAO fuq il-kontijiet pubbliċi juri kif fl-2019, l-allokazzjoni oriġinali għall-AWAS kienet ta’ €2.7 miljun, però din spiċċat telgħet għal €10 miljun, minħabba żieda fin-numru tal-persuni jfittxu l-ażil.

L-AWAS responsabbli ta’ 7 ċentri ta’ akkoljenza – Dar is-Sliem, Dar il-Liedna, iċ-ċentru miftuħ tal-Marsa, it-Tent Village ta’ Ħal Far, iċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far, il-Ħal Far Family Open Centre u l-Initial Reception Centre. L-aġenzija tmexxi wkoll numru ta’ programmi biex tgħin lil dawk li jfittxu l-ażil, relatati max-xogħol, akkommodazzjoni, welfare u edukazzjoni.

Estensjoni irregolari ta’ kuntratti ta’ sigurtà

Waħda mill-akbar irregolaritajiet misjuba mill-NAO tirrigwarda numru ta’ kuntratti għal servizzi ta’ sigurtà, li oriġinalment skadew f’Jannar tal-2018. Però AWAS għażlet li testendi l-kuntratti sal-aħħar tal-2018 mingħajr l-approvazzjoni tad-Dipartment tal-Kuntratti. B’kollox, AWAS ħallset 3 kuntratturi total ta’ €898,262 mingħajr ftehim formali.

AWAS ma laħqitx toħroġ tender għas-sena 2019, u rċeviet l-approvazzjoni tad-Dipartment tal-Kuntratti biex tibda negozjati mat-tlett kuntratturi b’valur ta’ €2,139,877. Però, il-kumpaniji spiċċaw tħallsu €3,062,514, b’€537,459 minnhom mhux approvati mid-dipartiment.

Is-sitwazzjoni kompliet għaddejja sa’ Ġunju tas-sena 2020, meta intgħażel ir-rebbieħ tat-tender.

L-ebda dokumenti dwar l-akkwist ta’ servizzi mediċi

L-NAO innutat irregolaritajiet simili dwar l-akkwist ta’ servizzi mediċi.

Fis-sena 2019, kumpanija partikolari tħallset €107,300 għal servizzi mediċi, bil-kumpanija toħroġ fattura ta’ €32,632 għal servizzi li tat fis-sena 2018. Minkejja dan, l-NAO ma sabet l-ebda dokumentazzjoni li tikkonferma l-ingaġġ tal-kumpanija.

B’dan in-nuqqas, l-NAO lanqas setgħet tivverifika jekk il-ħlasijiet li kienet qed tfittex il-kumpanija kinux ġustifikati.

Fir-risposta tagħha, l-AWAS wegħdet li se tikkonferma li l-fornituri ewlenin tagħha jkunu koperti bi ftehimiet ċari u preċiżi.