Jittieħdu passi kontra livell għoli ta’ pestiċidi fuq frawli

Matul din is-sena instab każ wieħed ta’ livell ta’ pestiċidi ogħla mill-livell stabbilit mil-liġi.
Hekk qalet fil-Parlament il-Ministru għall-Affarijiet tal-Konsumatur Helena Dalli fi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli.
Dalli fissret li mit-testijiet li wettqet l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarjiet tal-Konsumatur (MCCAA) din is-sena, sa issa, irriżulta li kien hemm kampjun wieħed li kellu livelli ta’ pestiċidi daqs dawk permessi u ieħor li kellu livelli ogħla minn dawk permessi. Fiż-żewġ każi, il-kampjuni kienu ta’ frawli.
Il-Ministru għall-Affarijiet tal-konsumatur spjegat li l-Awtorità ma tistax tieħu passi legali kontra l-operatur li poġġa l-prodott li kellu residwi daqs il-massimu permess, l-Awtorità qed tieħu passi skont il-ligi kontra dak l-operatur li poġġa l-prodott li qabeż il-livelli permessi fuq is-suq.