Jittieħdu l-ħabs wara li kkaġunaw feriti ħfief fuq żewġ pulizija

Żewġ żgħażagħ minn Wied il-Għajn ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest wara li kienu akkużati li fis-sigħat bikrin ta' dalgħodu attakkaw persuni fis-servizz pubbliku fi Triq San Ġorġ, f’San Ġiljan.

Iż-żgħażagħ ta’ 18 u 22 sena kienu akkużati li heddew, attakkaw u rreżistew bi vjolenza l-ordnijiet tal-pulizija. Huma kienu akkużati li kkaġunaw ferita ta’ natura ħafifa fuq il-persuna ta’ żewġ pulizija kif ukoll li kisru l-paċi pubblika.

Huma wieġbu mhux ħatja iżda ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest u ttieħdu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.