Jittellgħu l-poloz tar-regatta ta’ Jum il-Ħelsien

Illum ittellgħu l-poloz tar-regatta ta’ Jum il-Ħelsien li se ssir fis-7 ta’ April bħala parti mill-attivitajiet tal-Festa l-Kbira, li hija avveniment maġġuri fil-programm ta’ Valletta 2018.
Il-Port il-Kbir għal darba oħra se joffri sfond għal din ir-regatta li fiha se jieħdu sehem 7 distretti: il-Birgu, Birżebbuġa,  Bormla, l-Isla, il-Kalkara, il-Marsa u Marsamxett, li se jipparteċipaw f’10 tlielaq f’żewġ kategoriji differenti, A u B.
Din is-sena mistennija jieħdu sehem 120 qaddief li magħhom jiżdiedu 25 sostitut, b’għan komuni li jirbħu s-shield tar-regatta ta’ Jum il-Ħelsien.
Din is-sena se ssir tellieqa speċjali għal iktar minn 40 parteċipant tar-regatta, deskritti bħala ‘leġġendi tal-Port il-Kbir’. Din l-edizzjoni tar-regatta se tinkludi wkoll ix-shield speċjali ta’ Valletta 2018.