Tinstab id-dgħajsa mitlufa: 12 mejta, 47 isalvaw

Aġġornat 07:49 AM

Read in English.

Rapport fil-gazzetta Avvenire jikkonferma li 12-il persuna tilfet ħajjitha fl-aħħar sigħat wara li kien ilhom sitt ijiem fuq il-baħar. L-istess rapport jikkonferma l-aħbar tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Immigrazzjoni (IOM) li aktar kmieni qalet li ttellgħu 5 katavri. Magħhom kien hemm grupp ta’ 47 li rrakkuntaw dak li ġara u kif 7 persuni oħra mietu mgħarrqa. Il-grupp qatta’ sitt ijiem f’baħar imqalleb mingħajr ilma u ikel.

Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) dwar dan il-każ imma ma rċeviex risposta sal-ħin tal-pubblikazzjoni tal-artiklu.

Malta avrebbe mentito anche alle autorità italiane.

Il-gazzetta tal-Isqfijiet Taljani Avvenire qalet ukoll li l-awtoritajiet Maltin gidbu minħabba li f’ċertu punt kellhom kuntatt mad-dgħajsa u rrappurtawhom lill-gwardji Libjani. Il-gazzetta tgħid li l-Maltin b’hekk naqsu milli jinfurmaw liċ-ċentru ta’ koordinament Taljan biex jiġu salvati.

Dalgħodu sors mill-korp diplomatiku Malti assigura lill-gazzetta Taljana li “ma hemm l-ebda immigrant nieqes fuq il-baħar”, fl-istess waqt ċaħad li jafu fejn kienu l-55 li kienu għadhom neqsin. Din il-gidba qed tikkawża irritazzjoni fost organizzazzjonijiet internazzjonali li ilhom jiem jitolbu għal din l-informazzjoni mingħajr qatt ma jkollhom tweġiba.

“Push-back illegali” – ir-reazzjonijiet tal-għaqdiet

L-għaqdiet li jiffurmaw parti mill-kampanja #DontLetItDrown amministrata mill-Fondazzjoni Aditus qalu li jinsabu mnikkta u rrabjati bl-aħbar li l-immigranti salvati ttieħdu lura lejn il-Libja f’azzjoni li sejħulha bħala “push-back illegali”. Qalu li minkejja li l-Gvern Malti suppost huwa moralment u legalment responsabbli li jipproteġi l-ħajjiet, il-Gvern għażel li jilgħab logħob politiċi li wasslu għat-telf tal-ħajjiet bla bżonn. Sostnew li din hija ġurnata kera għal Malta, għad-drittijiet tal-bniedem u l-wirt tan-nazzjon.

L-għaqda Repubblika qalet li l-Gvern għandu 12-il persuna fuq il-kuxjenza tiegħu minħabba li l-mewt tagħhom hija frott il-politika krudili u d-deċiżjoni mhix umana li ħa l-Prim Ministru Robert Abela.

Minbarra azzjoni fil-qrati Maltin, Repubblika illum għamlet talba urġenti lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu biex il-Qorti tagħti ordni kawtelatorja (interim measure) lill-awtoritajiet ta’ Malta u tal-Italja biex ma jħallux refuġjati li ħarbu mil-Libja abbandunati fl-ibħra taż-żewġ pajjiżi b’periklu ċar għal ħajjithom. Repubblika argumentat li l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li torbot liż-żewġ pajjiżi tobbliga lill-istati firmatarji li jagħmlu dak li hu meħtieġ biex jipproteġu l-ħajja ta’ kulħadd, anke bnedmin li mhux ċittadini tagħhom.

Fuq Twitter, il-paġna tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Immigrazzjoni (IOM) Libja qalet li madwar 47 immigrant ġew salvati matul il-lejl li għadda baqgħu fuq dgħajsa tal-gwardja tal-kosta qrib Tripli.

Skont l-IOM, il-ġimgħa l-oħra 277 immigranti ma tħallewx jinżlu Tripli għal sigħat sħaħ minħabba tħassib dwar is-sigurtà li kellhom uffiċjali Libjani.

Intant fuq Twitter l-għaqda Alarm Phone qalet li 53 immigranti ġew ritornati lejn il-Libja. Qalet li dawn inħatfu llegalment miż-żona ta’ salvataġġ ta’ Malta. Żiedet tgħid li Malta hija responsabbli għall-imwiet li kien hemm. Alarm Phone qed tipprova tivverifika jekk din id-dgħajsa hix dik li kellha madwar 55 persuna abbord li ntilfet.

Hekk kif il-portijiet Maltin se jibqgħu magħluqa, il-Gvern ħabbar li se jkun qed jinsisti mal-Unjoni Ewropea biex tibda missjoni umanitarja fil-Libja. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo ħabbar dan it-Tnejn li għadda fejn qal ukoll li l-pakkett finanzjarju għandu jkun ta’ €100 miljun u l-għajnuna għandha tingħata imminenti, illum qabel għada.

Il-Ministru ma tkellem xejn dwar kif il-Gvern Malti jista’ jgħin lill-immigranti fuq id-dgħajjes li jinsabu qrib Malta. Il-Ministru qal li fil-passat Malta għamlet aktar minn dak li huwa rikjest minnha mill-obbligi internazzjonali. Sostna li r-riżorsi ta’ Malta qed jiġu dedikati għall-konteniment u t-trattament tal-pandemija tal-coronavirus fil-gżejjer Maltin.