Jittella’ denfil ferut mill-Qawra

Dalgħodu fil-Qawra nstab denfil żgħir li ddaħħal mal-kurrent u li kien jinsab f’diffikultà u ferut. L-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Iżvilupp (il-MEPA) qalet fi stqarrija li ġiet mgħarrfa bil-każ u bil-għajnuna tal-Pulizija tad-distrett, uffiċjali ta’ Nature Trust u tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali, id-denfil ittella’ max-xatt.
Il-Pulizija qalet li kien bil-għajnuna ta’ Surġent u żewġ Kuntistabbli li kellhom jinżlu fl-ilma sabiex jgħinu d-denfil milli jkompli jinstelaħ mal-blat. Ħaddiema ta’ salvataġġ minn Nature Trust taw l-ewwel għajnuna lid-denfil waqt li iktar tard ittieħed fi klinika apposta għal iktar kura.