Raġel baqa’ jinżamm taħt arrest, filwaqt li ieħor ingħata l-ħelsien mill-arrest wara argument fix-Xagħra Għawdex.
Fi stqarrija l-Pulizija spjegat kif il-Pulizija ressqet żewġt irġiel b’arrest quddiem il-Maġistrat Simone Grech fil-Qorti t’Għawdex. Ir-raġel ta’ 34 sena u ieħor ta’ 60 sena, it-tnejn residenti x-Xagħra, kienu involuti f’argument bejniethom.
Ir-raġel ta’ 34 sena kien akkużat li fit-30 ta’ Ġunju waqt li kien fi Triq Liberat Grech, ikkawża ġrieħi ta’ natura ħafifa lir-raġel ta’ 60 sena, għamel ħsara fuq vettura u saq vettura mingħajr kont, b’mod traskurat u perikoluż. Hu kien akkużat ukoll li kiser il-paċi pubblika, ħebb u hedded lir-raġel l-ieħor b’xi oġġett, li żamm fuqu arma li taqta’ u bil-ponta mingħajr permess u li wettaq reat waqt li kien taħt ordni operattiv ta’ sentenza mogħtija mill-Qorti u talli kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżjorja.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Ir-raġel l-ieħor, ta’ 60 sena, ġie akkużat illi nhar it-30 ta’ Ġunju, waqt li kien fi Triq Liberat Grech, ikkaġuna ġrieħi ta’ natura ħafifa lir-raġel ta’ 34 sena, li għamel ħsara fuq vettura, li kiser il-paċi pubblika u talli ħebb u hedded lir-raġel l-ieħor ta’ 34 sena b’xi oġġetti.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u ngħata l-liberta’ proviżorja fuq diversi kundizzjonijiet.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Josef Gauci.