Jitressqu l-qorti 2 irġiel akkużati b’serqiet f’Birkirkara u fis-Swieqi

CMRU

Il-Pulizija ħabbret li dalgħodu se tressaq il-qorti lil żewġ irġiel akkużati b’serqiet separati li wettqu f’Birkirkara u fis-Swieqi.

Fil-każ ta’ Birkirkara, is-serqa seħħet minn ġo ħanut fit-22 t’April li għadda fi Triq Mannarinu. L-akkużat huwa Tuneżin li hedded lill-ħaddiem fil-ħanut b’sikkina. Dan ma kellux għażla ħlief li jagħtih il-flus li kien qed jitolbu.

Ir-raġel inqabad mill-filmat tal-kamera tas-sigurtà tal-ħanut stess.

Is-serqa l-oħra ġrat fi Triq il-Kwartin fis-Swieqi minn ġo residenza privata fejn insterqet għadd ta’ ġojjellerija ta’ valur għoli, b’total ta’ madwar €60,000. Is-serqa seħħet nhar il-Ġimgħa filgħodu.

Żewġ persuni diġà tressqu l-qorti nhar il-Ħadd li għadda b’rabta ma’ dan il-każ, iżda l-Pulizija llum se tressaq akkużat ieħor.

Huma mistennija jitressqu l-qorti fl-10am quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Ian Farrugia.