Jitressaq żagħżugħ ieħor b’rabta ma’ serqa ta’ mutur f’Ta’ Kerċem

CMRU

Propju llum tressaq il-Qorti żagħżugħ ieħor b’rabta ma’ serqa ta’ mutur f’Ta’ Kerċem f’Għawdex. Fi stqarrija, il-Pulizija spjegat li l-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Vjolenti fi ħdan id-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, flimkien mal-Pulizija tad-Distrett t’Għawdex, komplew bl-investigazzjonijiet dwar is-serqa li saret fl-20 ta’ Ġunju.

Dawn l-investigazzjonijiet wasslu biex dalgħodu tressaq fil-Qorti t’Għawdex, it-tieni persuna, żagħżugħ ta’ 22 sena residenti Ħal Balzan.

Il-Quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Brigette Sultana, iż-żagħżugħ kien akkużat li nhar l-20 ta’ Ġunju 2020, minn Triq Qasam San Ġorġ, seraq mutur Honda u oġġetti oħra fosthom ċwievet, pjanċi tar-reġistrazzjoni, karti tal-krediti tal-banek u għodda. Huwa kien akkużat ukoll li laqa’ għandu jew xtara ħwejjeġ misruqa jew akkwistati b’reat u li ndaħal biex ibiegħhom jew imexxihom.

L-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u ġie liberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Mario Xiberras u Bernard Charles Spiteri.

Ilbieraħ, ġuvni ta’ 19-il sena residenti Santa Venera, instab ħati għall-istess reat.