Jitressaq protest ġudizzjarju fil-Qorti kontra C-Planet

Miguela Xuereb

L-avukati rappreżentanti ta’ Repubblika u Daphne Caruana Galizia Foundation illum għamlu protest ġudizzjarju fil-Qorti kontra C-Planet IT Solutions Limited. Dan minħabba ksur ta’ regolamenti dwar il-protezzjoni tad-data. Notifika ta’ dan il-protest ġiet mgħoddija wkoll lill-Partit Laburista.

Fi stqarrija, l-għaqdiet spjegaw kif rapporti minn ġurnali indipendenti ftit ġranet ilu wrew kif informazzjoni personali inkluża l-fehma politika ta’ individwi privati kienet qed tinżamm illegalment minn kumpanija u li din ħalliet din id-data fuq l-internet mnejn seta’ raha kulħadd.

B’rabta ma’ dan, illum infetaħ ir-reġistru tal-Qrati Superjuri b’urġenza wara li l-imħallef tal-għassa ppermettiet li jsir dan sabiex ikun jista’ jiġi ppreżentat dan il-protest. B’hekk, l-għaqdiet bdew proċess legali li qed jorganizzaw f’isem il-persuni li nkixfet id-data tagħhom li jammontaw għal aktar minn 330,000 ruħ. Qalu li l-għan huwa sabiex kull min hu responsabbli ta’ dan l-abbuż ta’ privatezza ta’ dawk li kienu eliġibbli għall-vot fl-elezzjoni ġenerali tal-2013 jagħti kont ta’ għemilu.

L-għaqdiet kienu qalu li dan mhux biss każ ta’ privatezza, imma wkoll kwistjoni ta’ kif partit politiku, il-Partit Laburista, uża l-ħsad tad-data biex jimmanipula l-proċess demokratiku. Il-Partit Laburista qal fi stqarrija li s-sistema tal-IT msemmija mhix l-istess sistema li għandu l-Partit Laburista. Il-PL qal li għandu s-sistema tiegħu li hija kkontrollata b’mod intern u l-kumpanija kif ukoll id-Direttur imsemmija qatt ma kellhom konnessjoni mal-istess sistema.