Jitressaq il-Qorti ż-żagħżugħ irrappurtat nieqes

Iż-żagħżugħ li l-bieraħ ġie rrappurtat nieqes, illum tressaq il-Qorti akkużat b’misapproprijazzjoni, pussess ta’ droga u talli kien reċediv.
Brandon Cachia ta’ 27 sena mill-Birgu ammetta li żamm għandu oġġetti li kienu ta’ Sparkle Image.
Dawn l-oġġetti kienu għandu waqt il-ħin tax-xogħol tiegħu bħala delivery man. Huwa ammetta ukoll li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina.
L-Ispettur Robert Said Sareo qal li dak li għamel Cachia lbieraħ kien mument ta’ ġenn li wasal b’kawża tal-vizzju tad-droga li għandu l-akkużat. Qal li ż-żagħżugħ għandu bżonn għajnuna.
L-avukat tad-difiża, Noel Bartolo talab lill-Qorti biex jordna li jsir rapport ta’ qabel is-sentenza.
Brandon Cachia ngħata l-libertà proviżorja fuq garanzija personali ta’ €1,000. Il-Maġistrat Charmaine Galea avżat bil-konsegwenzi f’każ ta’ ksur tal-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja.