Jitressaq il-Qorti wara li sawwat lil ommu u missieru f’Ħal Qormi

Raġel ġie mressaq il-Qorti wara li lbieraħ ġie arresta minħabba li sawwat u darab ħafif lil ommu u lil missieru f’darhom ġewwa Ħal Qormi. Filwaqt li l-omm intbagħtet id-dar, fil-Qorti ħareġ li l-missier għadu qed jinżamm l-isptar. Hu baqa’ jinżamm taħt arrest.

Il-prosekuzzjoni immexxija mill-Ispettur Kylie Borg spjegat li lbieraħ l-Pulizija rċeviet telefonata mingħand missier l-imputat li għandu 31 sena, fejn ġiet infurmata li kien hemm argument f’dar. Il-prosekuzzjoni spjegat li din mhix l-ewwel darba li l-Pulizija ġiet imsejħa fl-istess residenza. Wara li nstab li l-ġenituri kellhom xi ġrieħi huma intbagħtu f’berġa sabiex jagħmlu t-testijiet neċessarji, minn hawn il-missier intbagħat l-Isptar Mater Dei għal aktar testijiet. Ħareġ li l-imputat qal ukoll li sofra xi ġrieħi u aktar tard ġie iċċertifikat li hu wkoll kien indarab ħafif. Il-prosekuzzjoni qalet li malli l-missier joħroġ mill-isptar se jitressqu wkoll akkużi fil-konfront tiegħu.

L-għajnuna legali tal-imputat talab il-ħelsien mill-arrest tal-imputat. Madanakollu l-prosekuzzjoni argumentat fost l-oħrajn li ma taqbilx li għandu jingħata l-ħelsien hekk kif hija infurmata mill-ġenituri li ma jixtiequx li binhom imur lura lejn id-dar u b’hekk m’għandux fejn post fiss fejn jgħix. L-għajnuna legali qal li l-akkużat jista’ jmur jgħix fi propjetà immobbli f’Ħaż-Zebbuġ.

Aqra: “Vjolenza fil-familja fost l-agħar esperjenzi” – Maġistrat

Il-Maġistrat Joe Mifsud argumenta li l-libertà proviżorja mhix dritt. Qal li l-pożizzjoni tiegħu tibqa’ l-istess bħal dik f’każ simili ftit tal-ġimgħat ilu. Qal li l-vjolenza domestika hija li fil-familja r-relazzjonijiet huma importanti għax hemm issib lil min inħobbok u lil min tħobb imma sfortunatament hawn ambjenti fejn din hija bil-kontra ta’ dak li għandu jkun. Qal li l-vjolenza fil-familji hi aktar gravi għax hija vjolenza mwettqa minn min suppost jipproteġik u jħobbok. Tenna li l-vjolenza fil-familji dejjem ħażina u qatt ma tista’ tiġi ġġustifikata.

Il-Maġistrat kompla jgħid li dan huwa t-13-il kaz li l-imputat inqabad jikser il-liġi u għaldaqstant ma għandux fedina penali netta. Qal ukoll li skont risk assessment tal-Aġenzija Appoġġ, il-każ ġie identifikat bħala wieħed ta’ riskju għoli. Għaldaqstant, it-talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda filwaqt li l-Maġistrat talab sabiex fis-smiegħ li jmiss jitressqu jixhdu l-omm u l-missier.