Jinżamm arrestat talli seraq minn banka tal-lottu f’Ħal Qormi

Aġġornat 02:27 PM

Read in English.

Ir-raġel li nqabad mill-Pulizija fuq suspett li kien dak li seraq mill-banka tal-lottu f’Ħal Qormi din il-ġimgħa, qed jinżamm arrestat minkejja li wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Ir-raġel ta’ 40 sena minn Ħal Qormi nqabad ilbieraħ. Is-serqa seħħet jumejn ilu fis-2.30pm fi Triq San Edwardu.

Fil-banka kien hemm l-impjegata, mara ta’ 31 sena minn Ħal Kirkop, meta daħal raġel jitlobha l-flus. Huwa aggredieha u kellu fuqu arma taqta’ u bil-ponta. Seraq ammont ta’ flus kontanti u ħarab minn fuq il-post.

Il-pulizija qabduh mill-filmati tal-kameras tas-sigurtà.

Huwa deher quddiem il-Maġistrat Marseann Farrugia dalgħodu, akkużat b’serq u li kkaġuna ġrieħi gravi waqt argument li kellu, mhux marbut mas-serqa. L-argument seħħ il-Ġimgħa filgħaxija ġo bar f’Ħal Qormi, u l-akkużat allegatament faqa’ flixkun f’wiċċ raġel ieħor.