Aġġornata: Jinżamm arrestat ir-raġel li nqabad bil-kannabis u l-kokaina f’San Ġwann

Qorti Newsbook Stock

Raġel ġie arrestat mill-pulizija lbieraħ meta nqabad bi 23 kilogramma tal-pjanta tal-kannabis fil-karozza tiegħu lesta biex tiġi traffikata, flimkien mad-droga kokaina u għadd ta’ flus kontanti. Huwa saq għal fuq karozza tal-pulizija u kkawża ħsara lil erba’ karozzi oħra. Illum wieġeb mhux ħati fil-qorti u qed jinżamm arrestat.

Ir-raġel inqabad mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzju tad-Droga flimkien ma’ membri tar-Rapid Intervention Unit ilbieraħ. Huwa għandu 28 sena u joqgħod il-Belt Valletta, u nqabad hu u jsuq f’San Ġwann.

Aqra: Arrestat wara li saq għal fuq karozza tal-Pulizija; ħsara fuq 4 karozzi oħra

Fil-karozza u fil-garaxx instabu madwar 23 kilogramma pjanta tal-kannabis lesta biex tiġi traffikata, 100 gramma kokaina u €45,000 fi flus kontanti.

Il-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello ġiet infurmata bis-sejba u ħatret diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta li ġiet appuntanta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Mill-qorti llum

Ir-raġel tressaq il-qorti llum quddiem il-Maġistrat Simone Grech, b’akkużi relatati ma’ pussess aggravat tad-droga, li għamel ħsara volontarja fuq propjetà ta’ terzi, fixkel il-Pulizija fil-qadi ta’ dmirijiethom u li rreżista l-arrest fost akkużi oħra. Huwa ġie akkużat ukoll li saq mingħajr liċenzja u mingħajr ma kellu assigurazzjoni valida.

L-Ispettur Jonathan Cassar mill-Prosekuzzjoni spjega kif membri mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga bdew isegwu lir-raġel meta ħareġ minn ġo garaxx taħt l-art. Spjega li dan daħal fi triq li kienet one way, u daħal ġo karozza.

Ir-raġel baqa’ kwiet fl-awla, u ma wieġeb l-ebda mistoqsija li staqsewh fil-qorti. Huwa wieġeb mhux ħati imma ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Maġistrat laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni u ffriżat l-assi kollha tar-raġel ħlief it-€13,976 li jingħatawlu skont il-liġi. Huwa qed jinżamm arrestat.