Aġġornata: 5 snin ħabs għar-raġel li attakka koppja b’ġebla fix-Xagħra

Read in English.

Intbagħat ħames snin ħabs ir-raġel li tressaq il-Qorti akkużat li attakka koppja b’ġebla u seraqhom fix-Xagħra.

Sergio Andres Guzman Aguilar, li huwa Spanjonl ġie arrestat kmieni l-Ħadd filgħodu wara li koppja sfat attakata u misruqha waqt li kienet miexja fix-Xagħra. Il-każ seħħ fl-4am ta’ filgħodu, filwaqt li r-raġel barrani ta’ 29 sena ġie arrestat b’rabta mal-każ aktar tard fl-istess jum. Hu ammetta l-akkużi miġjuba kontrih quddiem il-Maġistrat Paul Coppini.

Ir-raġel kien akkużat ukoll li kkommetta reat waqt perjodu attiv ta’ liberta` kundizzjonata
imposta fuqu mill-Qorti, fost oħrajn.


Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur B C Spiteri.

Aqra: Aġġornata (2): Raġel arrestat wara li attakka koppja b’ġebla fix-Xagħra

Il-koppja Ingliża, raġel ta’ 58 sena u mara ta’ 55 sena, ttieħdet l-isptar. Il-pulizija qalet ukoll li l-aggressur ħarab minn fuq il-post wara li seraq xi deheb minn fuq il-mara.

Dakinhar stess, rapporti fil-mezzi tax-xandir qalu li żewġ persuni attakkaw lil din il-koppja bil-għan li jisirquhom, iżda imbagħad wieħed mill-aggressuri beda jsabbat ras il-mara ma’ karozza li kienet ipparkjata fl-istess triq. Skont stqarrija maħruġa mill-Pulizija, l-Ingliżi ġew aggrediti minn persuna b’ġebla.

Il-mara kellha tiddaħħal b’mod urġenti l-isptar biex tagħmel operazzjoni f’rasha. Hi spiċċat b’feriti gravi filwaqt li r-raġel weġġa’ ħafif.