Qtil doppju Tas-Sliema: Il-Qorti ma tagħtix il-ħelsien mill-arrest

Aġġornat 03:10 PM
Miguela Xuereb

Inżamm arrestat iż-żagħżugħ ta’ 25 sena li qed jiġi akkużat bil-qtil doppju ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski fid-dar tagħhom f’Tas-Sliema. Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia, iż-żagħżugħ wieġeb mhux ħati.

It-tabib Pandolfino ta’ 58 sena u s-sieħeb tiegħu Maciejowski ta’ 30 sena nqatlu kiesaħ u biered fid-dar fi Triq Locker fit-18 ta’ Awwissu għall-ħabta tal-10.15pm. Is-suspettat ewlieni ġie arrestat nhar it-Tlieta f’rejd drammatiku fil-Furjana. Suspettat ieħor ġie arrestat l-Erbgħa filgħaxija iżda ma tressaqx il-qorti.

It-Tlieta 18 ta’ Awwissu:
Jinqatlu żewġt irġiel f’Tas-Sliema

Iż-żagħżugħ ta’ 25 sena, mill-Albanija u joqgħod il-Furjana, ġie mixli li żamm u li qatel liż-żewġt irġiel, li seraq b’ammont li jaqbeż l-€2,300, talli ġarr arma u munizzjon mingħajr liċenzja, li xtara karozza misruqa, li seraq żewġ settijiet ta’ pjanċi tal-karozzi, li uża vettura bi pjanċi misruqa u li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja.

Id-difiża m’għamlet l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest iżda talbet li jsirlu assessjar psikjatriku u jingħata l-għajnuna li għandu bżonn. L-akkużat, li kien liebes flokk abjad, xorts griż u karkur, qal lill-Qorti li hu kien jaħsel il-karozzi imma qatt ma rnexxielu jżomm impjieg.

Il-Qorti laqgħet talba tal-Prosekuzzjoni u ordnat l-iffriżar tal-assi u l-kontijiet bankarji tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet minn James Grech u Colin Scheldon. L-avukati Dr Joe Giglio u Dr Roberta Bonello dehru għall-qraba tal-vittmi filwaqt li Dr Noel Bianco deher għall-akkużat.

Id-delitt seħħ tard filgħaxija, it-Tlieta, 18 ta’ Awwissu, meta tliet irġiel daħlu fid-dar tagħhom u sparaw sitt tiri. Wieħed laqat lil Maciejowski f’rasu, u erba’ oħra lil Pandolfino. Kien hemm tir wieħed li ma laqat lil ħadd. It-tliet irġiel damu madwar erba’ minuti ġewwa u qabel ma ħarbu minn fuq il-post jidher li serqu d-deheb li kien fuq il-vittmi.

Propju t-Tlieta li għadda mbagħad, ġie arrestat raġel barrani, li skont il-Pulizija huwa l-moħħ wara l-qtil tat-tabib Malti u s-sieħeb tiegħu f’Tas-Sliema. L-arrest seħħ wara rejd fil-Furjana. Intant, filgħaxija, waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà tkellem dwar l-aħħar żviluppi fl-investigazzjoni madwar il-każ. Dan filwaqt li qal li ma jistax jagħti ċertu dettalji minħabba li l-investigazzjoni għadha għaddejja.

Ilbieraħ, il-Pulizija ħelset mill-arrest mingħajr ma akkużat lil żewġ irġiel Maltin li ġew arrestati waqt ir-rejd li sar fil-Furjana, meta nqabad l-Albaniż li se jkun qed jitressaq il-Qorti llum. Il-ġurnali Times of Malta u Net News irrappurtaw li ż-żewġ irġiel inħelsu wara li nstabu ġol-istess residenza fil-Furjana meta nqabad ir-raġel Albaniż. L-Albaniż ta’ 25 sena huwa s-suspettat ewlieni fil-qtil tal-koppja.

Intant, ilbieraħ, għall-ħabta tal-11pm il-Pulizija mis-sezzjoni tar-Reati Maġġuri arrestaw raġel ieħor suspettat li kien involut fil-qtil doppju f’Tas-Sliema.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li kellha informazzjoni li persuna involuta f’dan id-delitt kien qed jistaħba ġewwa lukanda fil-Gżira. Wara ħin fuq il-post isegwu l-movimenti tiegħu, il-post ġie ċċirkondat u bdiet l-operazzjoni. Malli r-raġel induna bil-preżenza tal-Pulizija huwa pprova jaħrab iżda kien arrestat immedjatament. Ir-raġel qiegħed jinżamm għal aktar stħarriġ, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija fuq dan il-każ għadhom għadejjin.