Jitqassmu l-weraq tal-palm hekk kif l-istaġun tal-lampuki wasal

DOI - Jeremy Wonnacott

Jiem biss qabel jiftaħ l-istaġun tal-lampuki, il-Gvern reġa’ qassam il-weraq tal-palm b’xejn lis-sajjieda f’inizjattiva li ilha ssir is-snin.

Il-Ministru għall-Agrikoltura u s-Sajd Anton Refalo ltaqa’ mas-sajjieda f’San Pawl il-Baħar. Huwa qal li l-preparamenti u l-ispejjeż tas-sajd tal-lampuki huma kemmxejn kbar u għaldaqstant permezz ta’ din l-inizjattiva li ħa l-ministeru se jserraħ moħħ is-sajjieda li se jkollhom palm biżżejjed biex jippreparaw il-kannizzati tagħhom għall-istaġun tal-lampuki li normalment jibda fil-15 ta’ Awwissu.

Tul dawn l-aħħar ġimgħat, il-ministeru għamel sensiela ta’ laqgħat ma’ entitajiet pubbliċi u privati kif ukoll ma’ kunsilli lokali sabiex jintlaħaq ftehim dwar f’liema żoni se jinżabru l-palm, jinġabar il-weraq u fl-aħħar ssir id-distribuzzjoni lis-sajjieda b’xejn.

B’kollox inżabru ‘l fuq minn 800 siġra u fl-istess waqt ingħatat kura lill-palm li jkunu nqatgħu l-weraq minnu biex ma jiġix attakkat mill-bumunqar .

Il-Ministru Refalo rringrazzja lit-tim professjonali fl-Għammieri għax-xogħol li wettqu.