Jitqassmu l-fondi għall-għaqdiet li jaħdmu għall-ħarsien tal-annimali

Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri qassam 50% tal-fondi lill-għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu mingħajr profitt u li jtejbu l-ħarsien tal-annimali. Dan bħala rikonoxximent tal-isforz u l-kontribuzzjoni tagħhom fis-settur. Il-kumplament tal-fond se jingħataw is-sena dieħla meta l-proġetti jiġu ffinalizzati. L-għaqdiet huma obbligati li jonqfu l-flus allokati f'sena waħda.
L-għaqdiet li bbenifikaw mill-fond huma l-Animal Care Malta li ħadu €2,400; Association for Abandoned Animals €3,000; Stray Animals Support Group €2,940.80; National Cat Society €3,000; Gozo SPCA €3,000; St. Paul's Bay Charity €3,000, Cats and Dogs Shelter €3,000; u l-Birdlife Malta €2,990.
Fi stqarrija, il-Segretarju Parlamentari qal li s-sena dieħla l-fond se jiżdied b'€20,000 minn €60,000 għal €80,000 kif imħabbar fil-baġit ta' din is-sena. L-għan tal-fond hu li jappoġġja l-għaqdiet mhux governattivi u volontarji u li huma reġistrati mal-Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji, biex iwettqu proġetti għall-ħarsien tal-annimali. 
Ritratt: MESDC – Joseph Mercieca