Jitqassmu €15,500 f’għajnuna lir-residenti taċ-Ċawla Housing Estate

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, permezz tad-Direttorat ta’ EkoGħawdex, qassam €15,500 mill-kreditu li ġie akkumulat mill-231 pannella fotovoltajka li hemm imwaħħla u mifruxa fuq blokok ta’ appartamenti fiż-żona taċ-Ċawla Housing Estate.

L-għajnuna finanzjarja ngħatat lir-residenti li jgħixu f’din iż-żona. B’kollox hemm 15-il blokka f’Taċ-Ċawla Housing Estate, b’kull blokka bi 8 appartament, b’total ta’ 120 ruħ.

Photo: MGOZ

Il-Ministru Camilleri spjega li ta’ kull sena dawn il-pannelli jiġġeneraw l-elettriku mix-xemx u dan l-elettriku jmur fil-grid nazzjonali. L-ammont ta’ elettriku li jiġġeneraw imbgħad jissarraf fi kreditu u dan jitqassam lir-residenti f’forma ta’ għajnuna finanzjarja.

Il-Ministru Camilleri temm jgħid li din l-għajnuna finanzjarja hija mmirata biex ittaffi ftit mill-piżijiet finanzjarji ta’ dawn il-familji u biex fl-istess ħin il-gvern ikompli jinkoraġġixxi l-użu ta’ l-enerġija rinovabbli.