Jitqassmu breathalyzers b’xejn għal żmien il-Milied

Matul il-jiem li ġejjin se jkunu qed jingħataw b’xejn breathalyzers li tużahom u tarmihom bil-għan li jonqsu dawk li jixorbu u jsuqu.
Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport Ian Borg waqt it-tnedija ta’ kampanja edukattiva dwar is-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol organizzata mill-Kunsill Malti għas-Sigurtà tat-Toroq u Transport Malta.
Il-Ministru fakkar li breathalyzers b’xejn huma offruti kull sena minn Transport Malta iżda se jkunu qed jitqassmu matul dawn il-jiem biex jiżdied l-għarfien u l-prekawzjoni.
Huwa fakkar li fl-ewwel ta’ dan ix-xahar ġiet estiża s-sistema tal-punti penali għas-sewwieqa kollha għal aktar sewqan responsabbli fuq it-toroq tagħna.
Filwaqt li qal li mhux kulħadd jaqbel ma’ din is-sistema, saħaq li huwa jippreferi jantiċipa traġedja u jwiddeb lil dak li jkun qabel, milli jipprova jsewwi ħsara wara li din ssir.
Il-Ministru ħeġġeġ biex waqt li wieħed joħroġ u jiċċelebra mal-familja u l-ħbieb juża diversi mezzi alternattivi tat-trasport, fosthom it-trasport pubbliku, taxis, karozzi oħra misjuqa mix-xufiera jew trasport organizzat kollettiv bħal vannijiet.

Ritratt: Breathalyzers li jintużaw mill-uffiċjali tal-Pulizija