Filmat: Jitqassmu ACs u magni tal-ħasil lill-familji vulnerabbli

L-Aġenzija tal-Enerġija u tal-Ilma biddlet 252 unit ta’ tagħmir domestiku għall-familji vulnerabbli, fosthom units tal-AC u magni tal-ħasil, b’kollaborazzjoni maċ-Ċentru LEAP.

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Kwartieri Ġenerali tal-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma (WSC) intqal li fl-2017 beda proġett ġdid biex jinbidel tagħmir domestiku ta’ persuni vulnerabbli li jkun qadim jew ineffiċjenti . Saru 470 żjarat fid-djar u minn dawn irriżulta li 277 minnhom kienu jeħtieġu tibdil. B’kollox inbidlu 189 fridge-freezers, 40 magni tal-ħasil, u 23 units tal-AC. Dan ġie jiswa’ madwar €125,000. L-apparat l-antik inġabar u ntrema f’sit apposta. Permezz ta’ dan, il-konsum nazzjonali tal-enerġija għandu jonqos b’ammont ekwivalenti għall-ammont ta’ enerġija li jikkonsmaw 27 djar. Bħalissa qed isiru diskussjonijiet b’rabta mat-tieni fażi tal-iskema biex jikber in-numru ta’ nies li jkunu jistgħu jibbenefikaw minnha.

L-uffiċjali qalu li bejn Lulju tal-2015 u matul l-2016 saru aktar minn 1000 żjara fuq bażi volontarja mill-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma fid-djar tan-nies. Uffiċjali mill-Aġenzija qajmu kuxjenza dwar kif wieħed jista’ jnaqqas il-konsum tad-dawl u tal-ilma. Dan is-servizz b’xejn għadu qed jingħata.

Il-Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru LEAP qal li għal persuni li jkunu qed jgħixu fuq paga minima jaf ikun diffiċli biex ibiddlu t-tagħmir fid-djar tagħhom. Il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi qal li din kienet miżura tal-Baġit li ġiet imwettqa. Qal li waqt konferenza barra min Malta kien spjega kif taħdem l-iskema u li pajjiżi oħra baqgħu impressjonati biha.