​Jitqassar iż-żmien li fih MP jrid iservi għal pensjoni

Il-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona ppreżenta emendi għar-riforma dwar il-Pensjonijiet, biex jitqassar iż-żmien li fih membru parlamentari jrid iservi fil-parlament  biex jieħu pensjoni. 
Cardona qal li l-emendi li sabu l-appoġġ tal-Oppożizzjoni, qed isiru wara laqgħat li saru mal-għaqda tal-ex-membri parlamentari u li fihom l-Gvern qed jipproponi biex iż-żmien li l-politiku irid iservi fil-parlament jitqassar minn żewġ leġislaturi għal leġislatura waħda. 
Il-Ministru qal ukoll li emendi oħra jinkludu li persuni li jservu fir-rwol ta’ speaker, u li ma jkunux membri parlamentari, ikunu eleġibbli għal pensjoni tal-parlament. 
Se tkun irranġata wkoll l-anomalija li membru parlamentari li jiġi elett wara li jagħlaq l-eta’ ta’ 65 sena ma jieħux pensjoni. 
Cardona ħabbar ukoll li l-membri tal-parlament Ewropej se jkunu eleġibbli għal pensjoni parlamentari Maltija.  
Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal li l-Oppożizzjoni temmen li m’għandiex issir distinzjoni bejn il-membri parlamentari sempliċiment fuq iż-żmien li serva fil-parlament għaliex kull deputat ikun ta servizz lin-nies.