Jitqanqal mill-ġdid it-tħassib dwar l-irziezet tal-ħut

L-operaturi tar-razzett tal-ħut AJD Tuna Limited applikaw sabiex l-irziezet tagħhom ta’ Kemmuna u San Pawl il-Baħar jimxu għal Qawra.
Ir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar qed jisħqu fuq il-Kunsill Lokali u fuq l-operatur tal-irziezet tal-ħut biex jassigurawhom li ma jerġax ikun hemm ħmieġ tal-ħut fil-baħar bħalma ġara s-sajf li għadda.
Min-naħa tagħha s-Sindku Graziella Galea qalet li l-Kunsill m’għandu ebda awtorità li jimponi xi kundizzjonijiet fuq l-operaturi.

Madankollu l-operatur ta’ AJD Tuna qal li qed jagħmel l-almu tiegħu biex l-istorja ma terġax tirrepeti ruħha. 

L-operaturi tal-irziezet kienu ngħataw sal-aħħar ta’ Mejju biex iċaqilqu l-irziezet tagħhom f’żona ta’ akwakultura.
Dan wara li l-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar kein ivvota unanimament biex jiġu revokati l-10 permessi dwar erba' rziezet tal-ħut.
Il-permessi kienu dwar fish farms fil-Ħofra ż-Żgħira u Xrobb l-Għaġin f’Marsaxlokk, is-Sikka l-Bajda f’San Pawl il-Baħar, San Tumas f’Wied il-Għajn u Kemmuna.
Il-fish farms affettwati minn din id-deċiżjoni kienu AJD Tuna Ltd, Malta Mariculture Ltd, Fish&Fish Ltd u l-Malta Fish Farming Ltd.
Il-gaġeġ iridu jimxu fiz-zona akwakultura fin-nofsinhar ta’ Malta jekk ma jkunx hemm aktar approvazzjonijiet għal siti oħra sal-31 ta’ Mejju.
Minkejja dan iż-żona tan-nofsinhar diġà mimlija sa ruħ ommha.
Intant l-Awtorità għall-Ambjen u r-Riżorsi rċeviet applikazzjoni mid-Dipartiment tas-Sajd. Madankollu din it-talba mhxu se tkun approvata fil-ħin.
Ritratt: Arkivji: Juri l-ħmieġ tal-ħut fil-baħar