Jitpoġġew taħt att ta’ akkuża ż-2 żgħażagħ mixlijin bil-qtil ta’ Saviour Gaffarena

Vince Saviour Gaffarena Mqabba Ħal Millieri

Read in English.

Leon Debono u Owen Schembri, iż-żewġ żgħażagħ akkużati bil-qtil ta’ Saviour Gaffarena u bl-attentat ta’ qtil ta’ kuġinuh Vince Gaffarena, tqiegħdu taħt att ta’ akkuża.

Il-Maġistrat Nadine Lia wasslet din id-deċiżjoni f’digriet maħruġ illum stess li jiddikjara li hemm biżżejjed evidenza kontra ż-żewġ żgħażagħ ta’ 18-il sena, residenti Ħal Kirkop, biex jitpoġġew taħt att ta’ akkuża.

Id-delitt seħħ l-Erbgħa 29 ta’ Lulju f’Ħal Millieri meta ż-żewġ żgħażagħ allegatament sparaw u qatlu lil Saviour Gaffarena, li kellu 27 sena, b’tir f’rasu. Huwa kien riekeb fil-karozza ma’ kuġinuh Vince ta’ 17-il sena, li ntlaqat b’tir sidru u ieħor f’wiċċu. Vince kien is-sewwieq tal-karozza li saq sal-Imqabba fejn kien hemm uffiċjali tal-pulizija, u hu talabhom għall-għajnuna. Saviour tilef ħajtu fuq il-post, filwaqt li lil Vince saritlu operazzjoni u issa għadu qed jirkupra.

Dan id-digriet isegwi s-sottomissjonijiet mit-timijiet tad-Difiża taż-żewġ akkużati fl-ewwel smigħ tal-kumpilazzjoni. Il-Qorti ma laqgħetx l-argumenti tad-Difiża li l-akkużati għandhom jinħelsu mill-arrest billi l-evidenza mressqa mill-Prosekuzzjoni mhix biżżejjed.

L-Avukat Arthur Azzopardi li qed jirrappreżenta lil Schembri saħaq li x-xhud ewlieni tal-każ huwa Vince Gaffarena li diġà qal kulma jaf lill-investigaturi. Huwa, għalhekk, appella lill-Qorti biex iż-żgħażagħ jinħelsu mill-arrest.

Id-Difiża argumentat ukoll li ż-żgħażagħ għadhom żgħar biex jintbagħtu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Issemma kif skont ir-regolamenti, dawk taħt il-21 sena għandhom jintbagħtu fit-Taqsima taż-Żgħażagħ fl-Imtaħleb. L-Avukata Giannella de Marco li qed tirrappreżenta lil Debono qalet li dawn kienu qegħdin jinżammu fiċ-ċelel mimlijin f’Kordin, u hi talbet lill-Qorti biex tintervjeni.

Il-Qorti mistennija toħroġ digriet fuq dan u anke fuq it-talba tal-ħelsien mill-arrest.

Il-każ mistenni jkompli f’Settembru.