Jitpoġġew ġebel biex jipproteġu l-Aħrax tal-Mellieħa

ERA

L-Aħrax tal-Mellieħa qed jiġi protett minn vetturi mhux awtorizzati b’ġebel li tpoġġew hemm mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).

Dan qalitu l-ERA fi stqarrija, fejn saħqet fuq l-importanza li tiġi protetta din iż-żona. L-Awtorità poġġiet il-ġebel fi Triq Daħlet ix-Xmajjar fil-Mellieħa, qrib Punt Axix. Is-sit fejn ġara dan hu f’sit Natura 2000, l-inħawi tar-Ramla tat-Torri u l-Irdum tal-Madonna, li hi żona protetta.

Skont l-ERA, din l-azzjoni għandha tippermetti r-restawr ta’ dawn iż-żoni b’riġenerazzjoni naturali, hi u tipproteġihom.

L-Awtorità kompliet tgħid illi x-xahar li għadda, hija ħarġet Ordni ta’ Waqfien u Konformità biex trażżan dawn l-attivitajiet illegali.