Jitpoġġa taħt probation wara li tarrax lil omm it-tfajla

Raġel ta’ 31 sena tpoġġa taħt probation wara li tressaq il-Qorti b’akkużi li fost l-oħrajn sawwat lil omm l-eks tfajla tiegħu u kkawżalha nuqqas ta’ smigħ. Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti kkunsidrat il-fatt li f’dawn l-aħħar sentejn ir-raġel qed ibati minn kanċer kif ukoll qed jingħata trattament għas-saħħa mentali. Il-Qorti kkunsidrat ukoll il-fatt li min dak iż-żmien ’l hawn ir-raġel ħalla l-passat kriminali warajh u qiegħed f’relazzjoni stabbli ma’ tfajla oħra.

L-argument kien seħħ tmien snin ilu fil-Mosta meta omm it-tfajla tiegħu ta’ dak iż-żmien ma kinitx kuntenta bir-relazzjoni tar-raġel ma’ bintha fejn fost l-oħrajn bdiet takkużah li qed ikollu relazzjoni ma’ tfajla oħra wara li semgħetu jitkellem ma’ ħabiba ta’ bintha fuq il-mowbajl. Fl-argument ir-raġel qaleb u kisser mejda tal-granit waqt li kien vjolenti fiżikament mal-mara tant li kkawżalha nuqqas temporanju fis-smigħ. Fil-Qorti, ir-raġel, li huwa mis-Siġġiewi, qal li l-mara attakkatu b’sikkina tal-ħobż

Il-Maġistrat Josette Demicoli ordnat li l-akkużat jitpoġġa taħt probation filwaqt li jingħata trattament psikoloġiku sabiex fost l-oħrajn joħroġ mill-vizzju tad-droga u jikkontrolla r-rabja tiegħu. Huwa kien ordnat iħallas €2,000 tal-ħsara li għamel.