Jitpoġġa l-aħħar travu tas-7 flyovers tal-Marsa

Facebook - Ian Borg

Il-Ministru tat-Trasport Ian Borg fuq Facebook ħabbar li dalgħodu tpoġġa l-aħħar travu tas-seba’ flyovers tal-proġett tal-Marsa.

Fuq il-paġna tiegħu l-Ministru qal ukoll li l-proġett tal-Marsa mistenni jkun lest sa Ġunju li ġej.

Huwa rringrazzja lil Infrastructure Malta u lill-ħaddiema kollha li qed jistinkaw sabiex dan il-proġett ikun lest fl-inqas żmien possibbli.

F’Novembru li għadda l-Ministru għamel żjara fil-Marsa fejn kienu tpoġġew it-travi tat-tielet flyover. Permezz ta’ din il-flyover ġew eliminati t-traffic lights tal-Addolorata u b’hekk tkompla tnaqqas il-ħin tal-ivjaġġar.

F’Ottubru li għadda fuq il-midja soċjali kien beda jiċċirkola ritratt li juri li l-flyover li kienet għadha kemm ġiet inawgurata kellha toqba. Il-Ministru Ian Borg kien qal li din ma kellhiex ħsara iżda kienet “faxxa dejqa ta’ asphalt temporanja li saret sakemm minflokha jsiru expansion joints”. Kien żied li dawn isiru apposta biex il-flyovers iservu aktar.