Jitolbuha ċertifikat qabel ma jġeddulha l-liċenzja

Persuna lmentat mal-Ombudsman minħabba li Transport Malta talbitha tipprovdi ċertifikat tas-saħħa biex titħalla tkompli ssuq.
Transport Malta ħadet din il-miżura wara li rċeviet rapport anonimu li fih nġibdet l-attenzjoni dwar il-kundizzjoni fiżika tal-persuna.
Madankollu l-persuna kkontestat din it-talba għax qalet li TM kellha tivverifika r-rapport qabel, kif ukoll ma tatx tifsira adegwata dwar xi tfisser li tipprovdi ċertifikat mediku sodisfaċenti.
Min-naħa tiegħu l-Ombudsman qal li Transport Malta kellha r-responsabbiltà li tassigura sigurtà fit-toroq, inkluż li tassigura li l-persuni kollha li jingħataw liċenzja tas-sewqan ikunu f’kundizzjoni ta’ saħħa li ma jkunux ta’ periklu.
Żied jgħid li Transport Malta qalet li kkunsidrat jekk dan ir-rapport kienx ġenwin.
Minkejja li l-persuna staqsiet ukoll min kien se jħallas il-kont mediku jekk jirriżulta li hi f’kundizzjoni tajba biex isuq, l-Uffiċċju tal-Ombudsman qal li mhux se jidħol f’din il-kwistjoni.
Min-naħa tagħha l-persuna ma kkummentatx dwar il-pożizzjoni meħuda minn TM u għalhekk l-Ombudsman għalaq il-każ.