Jitolbu xogħol marbut mal-istudju minflok jagħmlu l-ħobż

Studenti li jkunu qed jistudjaw fis-sekondarja u post sekondarja jispiċċaw jippreparaw is-sandwiches minflok jagħmlu xogħol relatat ma’ dak li qed jistudjaw.
Dan joħroġ minn rapport ta’ grupp ta’ ħidma fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Il-grupp jinnota kif is-sistema edukattiva ma tagħtix l-opportunità ta’ taħriġ fix-xogħol, tant li pereżempju studenti li jkunu qed jistudjaw u jaspiraw li jkomplu fuq il-mediċina ma jkollhomx idea tax-xogħol u meta jfittxu xogħol waqt li jistudjaw, jispiċċaw jippreparaw il-ħobż.
Ir-rapport jirrikonoxxi li hemm għalliema li qed jimbottaw l-idea biex l-istudenti jkollhom placements ta’ xogħol obbligatorju. Dan hekk kif skonthom, din is-sistema tgħin ħafna lis-sistema edukattiva.
Il-grupp jipproponi biex isir pjan transitorju, li jippjana programm ta’ internships, placements u żjarat fuq il-postijiet tax-xogħol għal studenti tal-ħames sena fis-sena sekondarja u għal studenti f’post-sekondarja.
Jipproponi wkoll biex diversi kumpaniji jżuru l-iskejjel post-sekondarji.
L-istudenti għandhom jingħataw gwida aħjar tas-suġġetti li jagħżlu
Ir-rapport jirrikonoxxi li hemm bżonn li titwitta aktar it-transizzjoni bejn is-sekondarja u l-post-sekondarja.
Il-grupp jipproponi li l-istudenti tas-sekondarja għandhom iżuru l-kulleġġi post-sekondarji.
Proposta oħra hija li għandha ssir ħidma mal-iskejjel, studenti u ġenituri, fi gruppi u b’mod individwali, biex l-istudenti jkunu nfurmati dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tas-suġġetti li huma interessati li jkomplu fuqhom.   
L-informazzjoni ta’ kull student għandha timxi miegħu
Il-grupp jinnota li s-sistema edukattiva hija one size fits all u jikkritika l-fatt li l-informazzjoni tal-istudenti ma tgħaddix mill-iskola sekondarja għall-kulleġġ post-sekondarju.
Ir-rapport jgħid li din is-sitwazzjoni qed ixxekkel il-kontinwità bejn l-iskejjel fejn jidħol l-assessjar tal-istudenti.
Innota li filwaqt li fl-iskejjel tas-sekondarja jinżamm fajl b’rekord tar-riżultati u l-attivitajiet li jkunu għamlu t-tfal, dan il-fajl jieqaf mat-tmeim is-sekondarja.
Jisħaq li jekk dan il-fajl jibqa’ miexi mal-istudenti, l-istudenti jkunu jistgħu jużawh matul is-snin akkademiċi.