Jitolbu skuża għall-isħaba ta’ trab f’Tas-Sliema

L-iżviluppaturi ta’ Townsquare ħarġu apoloġija għar-residenti ta’ Ta’ Sliema għall-inkonvenjenzi kollha li kkawżat is-sħaba ta’ trab li ħarġet mis-sit tal-kostruzzjoni fil-jiem li għaddew.
Dan wara li l-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) talbet lill-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) biex tieħu azzjoni immedjata biex twaqqaf il-membri tagħha milli jesponu lir-residenti għal kundizzjonijiet insapportabbli.
Min-naħa tagħha, fi stqarrija, l-MDA qalet li infurmat lill-Uffiċċju Regolatorju tal-Bini (BRO) bil-każ kif ukoll ikkomunikat mas-sidien tat-Townsquare li spjegaw li qatt ma kienet l-intenzjoni tagħhom li joħolqu inkonvenjent.
Fi stqarrija qalu li l-iskavar ilu għaddej għal dawn l-aħħar ħames xhur u ma kienx hemm problemi hekk kif assiguraw li jinstallaw apparat li jwaddab l-ilma sabiex ixarrab it-trab u b’hekk ma joħroġx 'il barra mis-sit tal-kostruzzjoni.
Qalu li qed jagħmlu dak kollu li jistgħu sabiex jassiguraw li l-inkonvenjenza tkun waħda minima fejn saħansitra eliminaw l-użu ta’ apparat storbjuż.
Kelliem għat-Townsquare fakkar li dawk kollha li jkollhom xi problema dwar dan il-proġett, jistgħu jikkuntattjawhom fuq 27896034 jew 21331560.