​Jitolbu rotta għaċ-ċiklisti f’Wied il-Għajn

Iċ-ċiklisti qed jitolbu li l-kunsill lokali ta’ Wied il-Għajn joffri spazju fejn persuni li għandhom iktar minn 12-il sena ikunu jistgħu isuqu r-rota.
Il-Bicycling Advocacy Group talab lill-kunsill lokali biex wara li poġġa sinjali max-xatt biex min għandu iktar minn 12-il sena ma jgħaddix minn hemm bir-rota, jagħmel ir-rotot alternattivi aktar siguri.
Dawn huma Triq Is-Salini u Triq Il-Qalet u l-grupp staqsa “tħalli lit-tifel jew tifla tiegħek ta’ 12-il sena jużaw ir-rota f’dawn it-toroq?”
Il-grupp qal li aktar minn sena ilu, il-kunsill neħħa r-rotta taċ-ċiklisti u poġġa sinjali biex kulħadd juża l-istess triq. Spjega li dan ma joffrix protezzjoni lil tfal iktar kbar li jużaw it-triq.
Qed jitolbu lis-sindku jimxi mad-dikjarazzjoni dwar is-sigurtà fit-toroq ffirmata minn Malta waqt il-Presidenza tal-UE.
Id-dikjarazzjoni titlob li l-veloċità titnaqqas għal 30 kilometru fis-siegħa fejn in-nies jgħixu, jimxu jew jużaw ir-rota.