Jitolbu lill-Pulizija tipproteġi ‘l-mafkar’ ta’ Daphne

In-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili f’Malta appella lill-Pulizija biex jipproteġu l-mafkar li sar fl-aħħar xhur f’ġieħ il-ġurnalista assasinata Daphne Caruana Galizia.
F’ittra li bagħat lill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u lill-Kummissarju Stephen Mallia, rappreżentant tan-Netwerk appella biex il-Pulizija tipproteġi l-mafkar li “immedjatament wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia sar mill-poplu fi Pjazza l-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta”.
Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar għaliex inħasset il-ħtieġa li tintbagħat din l-ittra, il-kelliem qal li fil-jiem tal-Karnival ikun hemm ħafna nies fil-Belt Valletta u xtaqu li jippreservaw il-monument u biex ma jsirux atti vandali “bħal kif diġa kien hemm min prova jagħmel”.
Saħaq li "fil-jiem tal-Karnival hemm bżonn sigurtà mal-monument li sar għal Daphne".
Fl-ittra jispjega kif f’dinja ħielsa teżisti t-tradizzjoni li f’mumenti ta’ traġedji nazzjonali l-poplu jesprimi x-xokk tiegħu u l-impenn tiegħu favur id-demokrazija permezz ta’ inzijattivi popolari ta’ tqegħid ta’ fjuri u oġġetti simili f’postijiet prominenti, partikolarment fuq monumenti nazzjonali.
Ikompli jgħid li l-inizjattiva popolari ta’ tqegħid ta’ fjuri, messaġġi u ritratti madwar il-Monument ta’ l-Assedju l-Kbir xi xhieda ta’ dan l-impenn tal-poplu Malti.
Jiddeskrivi dan billi jgħid li “huwa mafkar magħmul min-nies għan-nies u bħala tali għandu jkun irrispettat u protett”.