Jitolbu lill-Prim Ministru biex ma jibqax jinjorahom

Il-grupp ta’ nisa li fl-aħħar jiem ikkampjaw quddiem Kastilja nnuttaw li wara żewġt iljieli l-Prim Ministru Joseph Muscat għadu qatt ma għamel kuntatt magħhom.
F’ittra li bagħtulu, in-nisa tal-protesta paċifika Occupy Justice kitbu li l-anqas li jistgħu jippretendu huwa li l-Prim Ministru elett tagħna almenu jirrikonoxxi l-preżenza tagħhom u jisma’ t-talbiet tagħhom.
“Nippretendu li f’demokrazija li taħdem hu li r-rappreżentanti eletti tagħna jkunu miftuħin għad-djalogu,” tgħid l-Ittra.
Huma fakkru lill-Prim Ministru li qed jitolbu r-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali u jisħqu dwar il-bżonn li s-sostituti tagħhom ikunu eletti b’vot ta’ żewġ terzi fil-Parlament.
“Anke jekk s’issa iddeċidejt li tinjorana, se nkomplu ġliditna għal dak li hu sewwa,” kitbu n-nisa. “Dan hu n-nazzjon tagħna, din hi darna, aħna n-nies.”
Aqra l-ittra sħiħa:

Prim Ministru,
Wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galiza, aħna l-attivisti OccupyJustice ilna minn nhar il-Ħamis f’kamp hawn quddiem l-uffiċju tiegħek, kemm b’solidarjetà mal-familja Caruana Galizia kif ukoll għax nesiġu r-riżenji tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u tal-Avukat Ġenerali Peter Grech.
Ninsistu li min jeħdilhom posthom ikunu persuni li ma joħolqux firda, kompetenti u approvati b’minimum ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Parlament. Ma jistax ikun li l-istituzzjonijiet l-aktar importanti tagħna jinżammu ostaġġi tal-gvern. L-istituzzjonijiet iridu jkun, u b’mod importanti jidhru li jkunu, indipendenti u għassiesa denji tas-saltna tad-dritt.
Bħala ċittadini ta’ dan il-pajjiż, l-anqas li nistgħu nippretendu mill-Prim Ministru elett tagħna hu rikonoxximent tal-preżenza tagħna u t-talbiet tagħna. Nippretendu li f’demokrazija li taħdem hu li r-rappreżentanti eletti tagħna jkunu miftuħin għad-djalogu.
Anke jekk s’issa iddeċidejt li tinjorana, se nkomplu ġliditna għal dak li hu sew Dan hu n-nazzjon tagħna. Din hi darna. Aħna n-nies.
Nippretendu aħjar.
Jixirqilna aħjar.
Nesiġu aħjar.