Jitolbu lill-PM Grieg biex jagħti l-ażil lil Efimova

In-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili qed titlob lill-Prim Ministru tal-Greċja, Alexis Tsiparas, sabiex jagħti l-ażil lill-whistleblower Russa, Maria Efimova, hekk kif hemm biża’ li ħajjitha u ħajjet familtha tkun fil-periklu jekk ikollha tintbagħat Malta.
F’ittra indirizzata lill-Prim Ministru Grieg, in-Netwerk flimkien mal- Occupy Justice, Il-Kenniesa u L-Awturi, sostnew li Efimova kienet sors importanti għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia meta tat xi informazzjoni dwar atti illegali fil-Bank Pilatus.
Jispjegaw li l-qtil brutali tal-ġurnalista wassal messaġġ mill-qattiela lis-sorsi tagħha sabiex ma jagħtux aktar informazzjoni lill-ġurnalisti.
Jgħidu li Efimova telqet minn Malta għax beżgħet għall-ħajjitha hekk kif qalu li l-Prim Ministru Joseph Muscat beda kampanja sabiex ikasbarha meta qal li kienet qed taħdem f’isem il-Kremlin, kif ukoll jirreferu għal numru ta’ stejjer li qed jallegaw li Efimova qatlet lil Caruana Galizia u aktar riċenti li kienet hi li ppruvat toqtol lill-eksspija Russu, Sergei Skripal fir-Renju Unit.
Fl-ittra tagħhom spjegaw li Efimova għandha tiġi trattata b’rispett u mhux ippersegwitata. Dan qaluh b’referenza mall-fatt li kienet Efimova li kixfet l-allegati illegalitajiet tal-operat tal-Bank Pilatus. L-istess bank li s-sid tiegħu ġie arrestat fl-Amerka fejn qed jaffaċċja akkużi li jistgħu iwaħħluh sa massimu ta’ 125 sena ħabs.
Fil-karba tagħhom sostnew li d-demokrazija qatt ma tista’ tirrenja jekk il-ġurnaliżmu ma jkunx ħieles. Qalu wkoll li l-ġurnaliżmu ma jistax jeżisti jekk is-sorsi ma jkunux protetti, iżda safrattant, f’Malta, ġurnalista nqatlet u s-sors tagħha qed issofri vilifikazzjonijiet, eżilju, problemi finanzjarji u issa wkoll arrest.