Jitolbu lill-PM biex jimplementa r-rapport sħiħ tal-inkjesta pubblika

Daphne Bidnija
Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia talbet lill-gvern biex jirrispetta l-awtonomija tal-inkjesta pubblika fl-assassinju tal-ġurnalista u biex jara li jimplementa r-rapport tagħha b’mod sħiħ ladarba jkun konkluż.

L-inkjesta pubblika għandha l-irwol li tinvestiga jekk l-istat iffaċilitax jew falliex milli jipprevjeni l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Hi mitluba tistabbilixxi jekk l-istat ippermettix li jinħoloq ambjent ta’ impunità li wassal biex jiżviluppaw kriminalitajiet serji. L-inkjesta pubblika trid tiddetermina jekk l-istat issodisfax jew hux qed jissodisfa l-obbligi pożittivi tiegħu biex jipproteġi l-individwi f’riskju, partikolarment lill-ġurnalisti.

Il-bord tal-inkjesta pubblika hu magħmul mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia bħala chairperson, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro li għadha qed isservi bħala Imħallef.

Fi stqarrija maħruġa llum, fil-jum li jimmarka l-ewwel anniversarju tal-inkjesta pubblika, il-fondazzjoni qalet li wieħed jista’ jitgħallem il-lezzjonijiet li joħorġu mill-qtil tal-ġurnalista biss jekk jara li l-inkjesta pubblika tilħaq il-missjoni tagħha skont kif jgħidu t-termini ta’ referenza. Dan anke jekk il-proċess joħloq skumdita fuq dawk li huma responsabbli.

“Hekk biss il-pajjiż jista’ jibda l-proċess tal-veru bidla li tassigura li każ bħal dan ma jerġax isir, la lill-istituzzjonijiet tal-pajjiż u lanqas lil xi ġurnalist,” qalet il-fondazzjoni.

F’riflessjoni dwar il-progress tal-inkjesta, il-fondazzjoni qalet li sar progress sostanzjali minkejja l-koperazzjoni limitata mill-gvern. Intqal li x-xhieda li rrappreżentat lill-gvern u lill-entitajiet tal-istat, ħafna minnha żammet informazzjoni relevanti għall-missjoni tal-inkjesta pubblika.

Il-fondazzjoni esprimiet ukoll it-tħassib tagħha u akkużat lill-Prim Ministru Robert Abela li qed jipprova jtemm il-mandat tal-inkjesta pubblika, li jista jimmina l-indipendenza essenzjali tagħha.