Partitarji jaqbżu fuq ambulanzi u karozzi tal-linja!

Partitarji f'Londra jaqbżu fuq ambulanza waqt iċ-ċelebrazzjonijiet

Il-briju kbir tal-partitarji Ingliżi mar-rebħa tat-tim fuq l-Isvezja fil-kwarti tal-final tat-Tazza tad-Dinja wassal biex il-forzi tas-sigurtà jappellawlhom biex ikunu prudenti u ma jaqbżux fuq il-karozzi.

Is-servizzi tal-emerġenza qed jitolbu lill-partitarji madwar ir-Renju Unit biex ma jikkawżawx straġi fit-toroq. Dan wara li uħud qabżu fuq ambulanzi, karozzi tal-linja u karozzi oħra biex jiċċelebraw ir-rebħa tas-Sibt.

F’Londra, ambulanza spiċċat inqerdet għal kollox wara li folla ta’ partitarji qabżet fuqha, faqgħet il-windscreen u l-bonnet spiċċa tant mgħaffeġ li l-karozza ma tistax tintuża.
Partitarji oħra żifnu fuq il-karozzi tal-linja u kantaw l-innu tal-Ingliżi, grupp ieħor deher fuq karozza li nstaqet għal fuq nies li kienu qed jaqsmu t-triq u oħrajn ixxabtu mal-arbli wara li xorbu ħafna.

Numru ta’ persuni spiċċaw arrestati ħdejn il-London Bridge wara li nqala’ l-ġlied fit-toroq. F’Londra raġel qabeż minn fuq double-decker għal fuq bus stop, li s-saqaf tal-ħġieġ tagħha ċeda bih.

Dawn l-inċidenti kienu jikkuntrastaw ma’ ċelebrazzjonijiet ta’ partitarji iktar responsabbli madwar il-pajjiż fejn kantaw u għajtu mar-rebħa tal-Ingliżi fuq l-Isvezja filwaqt li tefgħu il-birra fuq xulxin.