​Jitolbu lill-Ministru Farrugia jerfa’ r-responsabbiltà politika

Il-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-Partit Nazzjonalista (FOIPN) qal li l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika tal-kummenti tiegħu b’rabta ma’ każ ta’ vjolenza domestika.
Fi stqarrija, il-FOIPN qal li l-kummenti li sejħilhom ta’ ġustifikazzjoni li għadda il-Ministru Farrugia dwar il-każ “huma għal kollox inaċċettabbli”.
Fi kliem il-FOIPN, jekk għall-Ministru huwa aċċettabbli li persuna li taħdem sigħat twal tista’ twettaq vjolenza domestika, mela allura l-Ministru mhux il-persuna idoneja li tkun responsabbli mill-Korp tal-Pulizija li suppost jipproteġi lill-vittmi ta’ din it-tip ta’ vjolenza.
Skont il-ġurnal in-Nazzjon, is-sieħba tal-Assistent Kummissarju Mario Tonna għamlet rapport fit-28 ta’ Diċembru li fih allegat li reġa' refa’ jdejh fuqha. Wara, l-Assistent Kummissarju  bagħat l-ittra tar-riżenja mill-Korp tal-Pulizija.
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-kummenti tal-Ministru Farrugia, fid-dawl tar-riżenja ta’ Tonna, jiġġustifikaw il-vjolenza domestika. Min-naħa tiegħu, il-Ministru qal li l-kummenti tiegħu ddawru fi gwadann politiku mill-Oppożizzjoni. 
Fi stqarrija, il-PN irrefera għal dak li qal il-Ministru Farrugia, li Tonna kien ħaddiem bieżel, li kien jaħdem sigħat twal. Fi kliem il-PN, il-Ministru ried ifisser li dan jiskużah mit-twettiq ta’ reati ta’ vjolenza domestika.
Farrugia qal fi stqarrija li jikkundanna kull forma ta’ vjolenza domestika u jiddispjaċih jekk kummenti li ngħataw setgħu ġew mifhuma b’mod li jistgħu mqar remotament jiġġustifikaw dan l-aġir, u li ġew imdawra politikament mill-Oppożizzjoni.