Jitolbu lill-Gvern jirreaġixxi quddiem iż-żieda fil-kriminalità

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-inċidenti tal-aħħar ġimgħat juru li hawn ċrieki ta’ kriminalità organizzata, illi b’mezzi sofistikati qed iħallu vittmi fit-toroq.
Il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għas-Sigurtà Nazzjonali Beppe Fenech Adami stqarr li din ir-realtà qed tinkwieta lill-familji Maltin, li jridu s-sigurtà u s-serħan il-moħħ.
Żied jgħid li “hawn l-inkwiet li persuna tista’ tispiċċa intortament vittma ta’ kriminalittà organizzata.”
Fenech Adami appella lill-Gvern biex jirreaġixxi b’determinazzjoni biex jinqabad il-moħħ wara l-attentati serji ħafna u biex issir ġustizzja.
Saħaq li l-Gvern għandu jserraħ moħħ il-poplu, li qed isiru l-investigazzjonijiet kollha u qed jiġu ddedikati r-riżorsi kollha li hemm bżonn biex jissolvew dawn id-delitti gravi.
Reazzjoni Gvern
B'reazzjoni l-Gvern qal li l-Oppożizzjoni u l-esponenti tagħha qed ikunu irresponsabbli, negattivi u qed jinqdew b'inċidenti li m'għandhomx x'jaqsmu mal-politika biex inisslu biża' għalxejn fost il-poplu.
Sostna li l-Oppożizzjoni qed terġa' turi nuqqas ta' fiduċja fil-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet, f'dan il-każ tal-Pulizija, filwaqt li tipprova tnissel dubju fil-professjonalità li bija jaqdu dmirijiethom il-pulizija.
Ritratt: Arkivji – Ian Noel Pace