Jitolbu lill-Gvern jagħti Żonqor lura u jsebbaħ il-pixxina

Il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala talbu lill-Kunsill biex f’talba formali jitolbu lill-Gvern biex jieħu l-art fiż-Żonqor lura mingħand Sadeen u jagħtiha lura lill-Maltin. Fl-istess waqt talbu li l-Gvern għandu jsebbaħ il-pixxina li hemm fiż-Żonqor.
Huma qalu li l-partijiet esterni ta' madwar il-pixxina li tħallew f'telqa u b’hekk jiġi evitat li din ikollha terġa’ tinbena mill-ġdid fil-bajja pittoreska ta’ Marsaskala.
F’mozzjoni interna fil-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala, il-kunsilliera John Baptist Camilleri, Sandro Gatt u Charlot Cassar, saħqu li d-deċizjoni li Żonqor jingħata għall-iżvilupp kienet waħda żbaljata mill-bidu nett u kien ikun ferm aħjar li kieku din ġiet irrifjutata sentejn u nofs ilu kif kienu talbu huma.
Spjegaw li issa li qed jirriżulta li l-proġett tal-Università Amerikana ta’ Malta falla milli jilħaq il-miri, il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala għandu opportunità ġdida biex jirranġa dak li kellu jsir fl-2015.
Il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista qalu li l-Kunsill Lokali għandu jħeġġeġ lill-Gvern biex hekk kif l-art f’Żonqor terġa’ ssir art pubblika, minnufih u "bla aktar telf ta’ żmien jibda xogħol estensiv ta’ rinovar fil-pixxina eżistenti li hemm f’Żonqor kif ukoll fil-partijiet esterni ta' madwar il-pixxina li tħallew f'telqa u b’hekk jiġi evitat li din ikollha terġa’ tinbena mill-ġdid fil-bajja pittoreska ta’ Marsaskala."