Jitolbu leave imħallas għall-vittmi tal-vjolenza domestika

L-organizzazzjoni Xellugija, Żminijietna qed titlob sabiex persuni vittmi ta’ vjolenza domestika jitħallew jieħdu l-leave imħallas. Fi stqarrija sostniet li l-Parlament hemm bżonn li jaħdem fuq leġiżlazzjoni li tagħti aktar protezzjoni lill-vittmi ta’ vjolenza domestika. Irrimarkat li “n-nisa għadhom mhumiex kompletament protetti mill-vjolenza maskili, li hija persistenti li ssikket tal-vuċijiet tan-nisa”.

Fl-istqarrija sostniet li Malta għandha ssegwi l-passi ta’ New Zealand fejn vittmi ta’ vjolenza domestika huma intitolati għal 10 ijiem leave imħallas. Spjegat li dan jagħti ċans lill-vittmi jikkonfrontaw lis-sieħeb tagħhom li jkun qed jikkontrollahom, filwaqt li ma jispiċċawx mingħajr flus jew b’paga ridotta kawża ta’ dan.

Żminijietna – Leħen ix-Xellug, spjegat li l-aħħar vittma, l-omm ta’ sitt itfal li nqatlet mis-sieħeb tagħha, turi li għad fadal ħafna xi jsir. Sostniet li minkejja r-rappurtaġġ kontinwu fuq din il-problema, in-nisa għadhom imutu.

Intant insistiet li l-liġijiet għandhom iġiegħlu lill-aggressuri jitilqu mid-dar, anke jekk biss wara l-ewwel rapport mill-vittma. Qalet ukoll li hemm bżonn li l-Gvern jimmonitorja lill-aggressur sabiex jiġi assigurat li l-vittma tkun protetta.