Jitolbu laqgħa mal-Gvern dwar il-leave tal-kwarantina

Mhux esklużi azzjonijiet industirjali mill-General Workers Union

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-General Workers’ Union talbet laqgħa urġenti lill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mid-Djalogu Soċjali Carmelo Abela biex tiddiskuti l-kwistjoni tal-leave tal-kwarantina.

Il-GWU talbet din il-laqgħa peress li ħaddiema li jirriżultaw pożittivi għal Covid-19 qed jiġu infurmati li qed jinqalbu minn leave ta’ kwarantina għal leave tal-mard. Dan minkejja li n-notifika li jirċievu tgħid li huma jaqgħu taħt l-obbligi kollha tal-kwarantina inkluż il-multi u l-iżolament. Filfatt il-liġi dwar il-kwarantina tgħid li l-impjegat għandu jingħata leave speċjali mingħajr telf ta’ paga meta huwa legalment obbligat li jirrispetta ordni ta’ kwarantina li tillimitah għal ċerta żona jew għal ċerti postijiet kif indikat mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika.

Fi stqarrija, il-GWU qalet li din il-kwistjoni qed toħloq inkwiet u inċertezza kbira lil dawn l-impjegati minħabba numru limitat ta’ granet tal-leave għall-mard. Barra hekk l-GWU mhux qed teskludi li tieħu azzjonijiet industrijali f’diversi postijiet tax-xogħol.