Jitolbu l-Qorti biex tinfetaħ inkjesta indipendenti dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia

L-avukati tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia ppreżentaw ittra ġudizzjarja fejn fiha insistew li l-Istat għandu jieħu l-passi neċessarji sabiex ikun hemm inkjesta pubblika dwar jekk ittiħdux il-passi neċessarji sabiex jiġi evitat il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Din l-inkjesta għandha tiddetermina jekk l-Istat Malti kienx konformi mad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Din l-ittra kienet ippreżentata fil-Qorti f’isem Peter Caruana Galizia u t-tfal tagħhom Matthew, Andrew u Paul u hija indirizzata lill-Avukat Generali, lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Prim Ministru. L-inkjesta pubblika għandha l-obbligu li tinvestiga jekk il-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia setgħetx tiġi evitata u jekk l-Istat ħax il-prekawzjonijiet kollha meta Daphne Caruana Galizia rrapurtat li ħajjitha kienet fil-periklu kif ukoll jekk l-Istat provdiex il-protezzjoni neċessarja.

Din l-investigazzjoni għandha tinvestiga jekk il-proċeduri, il-proċessi u l-istrutturi amministrattivi kinux indikattivi biżżejjed biex juru lill-Istat il-periklu li kienet tinsab fih Caruana Galizia.

Min-naħa tagħhom qalu li jekk ma jkunx hemm din l-investigazzjoni indipendenti u imparzjali ma jkollhomx għażla oħra ħlief li jressqu proċeduri legali kontriehom. Din l-ittra kienet iffirmata mill-avukati Jason Azzopardi, Eve Borg Costanzi u Therese Comodini Cachia.

Daphne Caruana Galizia kienet inqatlet f’Ottubru tal-2017 permezz ta’ karozza bomba. Tliet persuni huma akkużati bil-qtil tagħha u il-kumpilazzjoni tal-evidenza għadha għaddejja.

Intant is-Sibt li għadda Matthew Caruana Galizia għamel diskors f’Peruġja l-Italja u qal li l-istess logħba qed tiġri f’pajjiżi differenti.