​Jitolbu investigazzjoni fuq l-FIAU

In-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili (CSN) qed issejjaħ għal investigazzjoni indipendenti dwar l-operat tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil tal-flus, l-FIAU.
Fi stqarrija, in-netwerk qalet li temmen li l-allegazzjonijiet li saru dwar l-FIAU fl-aħħar xhur ma jistgħux jitħallew itiru mar-riħ. Żiedet tgħid li qed titlob lill-awtoritajiet tal-pajjiż sabiex issir investigazzjoni dwar l-operat tal-FIAU mill-bidu ta’ Jannar tas-sena l-oħra sal-lum.
Is-CSN saħqet li l-investigazzjoni għandha tinkludi fost l-oħrajn analiżi ta’ kwalunkwe forma ta’ komunikazzjoni li setgħet seħħet bejn persuni involuti jew li fil-passat kienu involuti fl-FIAU u anki terzi persuni.
In-Netwerk qalet li Muscat għandu ċans sal-5 ta’ Diċembru biex jieħu l-passi. Jekk ma jsir xejn, l-attivisti qed jitolbu lill-Membri Parlamentari l-oħra biex iressqu mozzjoni biex jitolbu li ssir investigazzjoni dwar l-FIAU.
Is-CSN spjegat li qed tieħu din il-pożizzjoni għaliex temmen li l-Maltin għandhom ikollhom moħħhom mistrieħ li l-organi kollha tal-pajjiż qed jagħmlu dak kollu li huwa fil-poter tagħhom sabiex jiġġieldu l-attivitajiet kriminali li qed iseħħu f’Malta.
In-Netwerk illum organizzat dimostrazzjoni għall-ġustizzja fil-Belt Valletta, fejn il-kelliem ewlieni kien l-eks Maġistrat kontra l-korruzzjoni Antonio Di Pietro.
Di Pietro huwa l-aktar magħruf għal Mani Pulite u fis-snin 90 kien kixef il-korruzzjoni u ‘tengentopoli’ fl-Italja. Huwa kien wassal għal bosta riformi fis-sistema politika.
Ritratt: Ian Noel Pace