Jitolbu ħafna flus lill-Maltin biex jiffilmjaw f’Malta stess

Produzzjonijiet żgħar Maltin, imqar films qosra, qed jintalbu jħallsu ħafna flus mill-ewwel biex jiffilmjaw f’ċertu postijiet, anke pubbliċi. Dan minħabba l-impressjoni li min qed jagħmel il-film għandu bir bla qiegħ ta’ flus.

Id-direttur u produttur Charles Stroud qal dan f’intervista fil-programm Mewġiet mill-imgħoddi fuq RTK ma’ Marvic Cordina. Spjega li ħafna films barranin jiffilmjaw biċċa żgħira f’Malta u jekk film jinġibed kollu f’Malta, dan iħalli “ħafna, ħafna flus”. Qal li filwaqt li l-baġits għall-films barranin qed jogħlew ħafna, jiġri li meta produzzjoni Malta imqar tidħol ġo ħanut, jew anke “postijiet uffiċjali bħal librerija jew Knisja, mill-ewwel jibdew jitolbuk hafna flus.”

Charles Stroud kompla li filwaqt li films internazzjonali ikollhom persuna għal kull rwol speċifiku, persuna Maltija trid tagħmel erba’ xogħlijiet fuq film lokali. Faħħar l-għajnuna tal-Kummissjoni tal-Films lill-produzzjoni ta’ films Maltin. Spjega kif il-films barranin lesti jħallsu ħafna flus “biex ikollhom kollox perfett” u semma kif il-film Gladiator li inġibed kollu f’Malta wassal biex iktar films kbar bdew jinġibdu f’Malta.

Kienu jitgħallmu fuq is-sett minflok f’korsijiet uffiċjali

Charles Stroud beda l-karriera tiegħu fit-teatru u kompla fil-Malta Film Facilities fejn beda mal-film Eyewitness fl-1969 fid-dipartiment tal-props, fejn ma kienx ikun preżenti waqt il-ġbid tal-films. Iżda fil-film ta’ wara Pulp, kellu l-opportunità jara lid-direttur, l-atturi u l-professjonisti kollha fuq xogħolhom u seta’ jitgħallem ħafna. Jispjega li hemmhekk tgħallem ħafna għax dak iż-żmien ma kienx hemm korsijiet bħal-lum, fl-università jew l-MCAST.

Isemmi kif fil-film Pulp, id-direttur ried li kollox ikun kannella biex il-film ikollu l-effett tas-sepja; dan minflok ħareġ l-effett b’mod tekniku, kif isir faċilment illum. Charles irrakkonta kif fost l-oħrajn kellu jixtri sitt karozzi biex jiġu miżbugħa kannella filwaqt li lis-sidien tad-djar qalulhom li se jiżbgħulhom il-faċċati tad-djar kannella, imbagħad kollox kellu jinżebaħ lura ghall-kulur ta’ qabel.

It-tank tar-Rinella għamel bidla kbira għall-films

Tkellem ukoll dwar it-tank tar-Rinella, fejn jinħadmu ħafna xeni li jinvolvu baħar u maltempati. L-ewwel tank inbena fl-1965 fuq idea ta’ inġinier li kien ra l-potenzjal ta’ tank tal-ilma. Fil-fatt it-tank għamel bidla kbira għall-industrija tal-films ta’ Malta għax il-films kienu jiġu Malta biex jiġbdu xi xeni fit-tank u jkomplu biex jiffilmjaw xeni oħra madwar Malta.

Fil-programm ħa sehem ukoll Tony Parnis li għandu esperjenza fil-films u ħadem erba’ films għall-Maltin fil-Kanada. Ipproduċa l-film Operation White Dove u rrakkonta l-avventura ta’ xi xeni improvizzati u kif ħadem il-film bi ftit li xejn flus. Irrakkonta kif kien isibha eħfef li jiġbed ix-xeni billi jimxi mal-atturi u bil-kamera u jekk jara xi ħanut jew post jogħġbu jitlob lil xi ħadd jiffilmja għandhom. Spjega kif peress li n-nies kienu jagħrfu lill-atturi, kienu jaċċettaw li jiffilmjaw xi xena bla ħlas.