Jitolbu għar-riżenja ta’ uffiċjal ieħor tal-V18

Il-Fondazzjoni Aditus qed titlob it-tneħħija ta’ Mario Philip Azzopardi minn Direttur Artistiku tal-V18.  Fi kliemha, il-Gvern ma jistax jiddefendi l-lingwaġġ tiegħu, meta għadu kif adatta liġi li “tipproteġi lil kulħadd mill-vjolenza abbażi tal-ġeneru”.
Il-fondazzjoni, li taħdem favur id-dinjità u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, tisħaq li hu inaċċettabbli li n-nisa jiġu ttimbrati bil-kliem ‘sorry bitches’.  
Fil-kummenti tiegħu, Mario Philip Azzopardi kien qed jirreferi għall-waħda mill-Maltin li pprotestaw f’Londra kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat.
L-Aditus qalet li l-aħħar kummenti ta’ Azzopardi jxejnu l-isforzi ta’ Malta biex ittejjeb il-mod ta’ kif titratta l-membri kollha tas-soċjetà, b’mod partikolari n-nisa.
Iddeskriviet kliem Azzopardi bħala “insulti diżgustanti” u li jiksru l-liġi u l-valuri li jassiguraw protezzjoni mill-insulti vulgari intenzjonati biex jibbuljaw jew jintimidaw.
Il-fondazzjoni tappella lill-awtoritajiet responsabbli biex jirreaġixxu. Tinsisti li min ma jikkundannax b’mod assolut dan l-aġir ikun qed jappoġġjah.
Mario Philip Azzopardi mhux l-uniku uffiċjal tal-Fondazzjoni Valletta 2018 li jinsab fiċ-ċentru tal-kontroversja.
Ilbieraħ, il-belt tan-Netherlands li qed taqsam mal-Belt Valletta, it-titlu tal-Kapitali Ewropea għall-Kultura, iddeċiediet li tibbojkottja kull stedina mill-Fondazzjoni Valletta 2018. Fi stqarrija fuq is-sit tagħha, il-Fondazzjoni Leeuwarden-Fryslan 2018 qalet li dan minħabba l-insulti li qed jgħaddi ċ-Ċermen tal-V18 Jason Micallef fil-konfront tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.
Fil-jiem li għaddew, grupp kbir ta’ Ewroparlamentari (MEPs), kif ukoll 275 kittieba internazzjonali u n-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili talbu għar-riżenja tiegħu minħabba l-kummenti dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia f’San Patrizju, il-kummenti dwar il-mafkar tagħha, kif ukoll il-kummenti tiegħu fuq l-istrixxuni ta’ protesta dwar il-mewta tagħha.