Read in English.
L-aħwa Degiorgio ssottomettew protest ġudizzjarju fejn attakkaw il-maħfra presidenzjali li ngħatat lill-allegat sensar tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma.
Fil-protest ġudizzjarju, iż-żewġt irġiel li qed jiġu akkużati li kienu dawk li wettqu l-assassinju f’Ottubru tal-2017, l-akkużati qalu li minkejja li l-Avukat Ġenerali qal fil-Qorti li ma kinitx possibbli li tinstema’ x-xhieda ta’ Theuma waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza hekk kif il-każ seħħ erba’ xhur qabel is-sottomissjoni tal-att ta’ akkuża, l-informazzjoni li kellu kienet magħrufa minn qabel.
L-avukat tagħhom għamel referenza għal storja esklussiva ta’ Newsbook.com.mt li kienet tgħid li Vincent Muscat kien semma lil Theuma f’April tal-2018. L-avukat qal li l-informazzjoni li ta Theuma ma kinitx informazzjoni ġdida għall-Pulizija. Qal li Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black, kien ilu għal żmien twil identifikat bħala suspettat fl-assassinju u kien taħt sorveljanza tas-Servizzi Sigrieti.
Il-protest ġudizzjarju temm billi talab għar-revoka tal-maħfra presidenzjali u sostna li jekk din ma titneħħiex, se tinfetaħ kawża l-Qorti f’dan ir-rigward.
L-aħwa George u Alfred Degiorgio, kienu ppruvaw iwaqqfu x-xhieda ta’ Melvin Theuma, li kienet skedata għad-29 ta’ Novembru, imma ġiet posposta.
Melvin Theuma ngħata l-maħfra presidenzjali wara li qal lill-Pulizija li jekk jaħfrulu r-reati tal-passat, lest jikxef min ordna l-assassinju ta’ Daphne. Riċentament huwa ġie arrestat fuq każ separat ta’ ħasil ta flus.