Qtil Khashoggi: Jitolbu għall-piena tal-mewt għall-5 suspettati

FILE PHOTO: People holding pictures of Saudi journalist Jamal Khashoggi attend a symbolic funeral prayer for Khashoggi at the courtyard of Fatih mosque in Istanbul, Turkey November 16, 2018. REUTERS/Huseyin Aldemir/File Photo

Prosekuturi fl-Arabja Sawdija qed jitolbu għall-piena ta’ mewt għall-ħamsa mill-11-il persuna suspettata u miżmuma b’rabta mal-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi skont l-aġenzija tal-aħbarijiet tal-Arabja Sawdija. Dan wara li beda jinstema’ l-każ fil-Qorti.

Skont l-Arabja Sawdija ntbgħatu ittri lill-prosekutur Tork fejn talbu kwalunkwe evidenza b’rabta mal-każ li kkawża dannu għar-reputazzjoni tal-Prinċep Mohammed bin Salman.

L-Uffiċjali tal-Arabja Sawdija xejjnu l-akkużi li kien il-Prinċep innifsu li ordna l-qtil ta’ Khashoggi fil-Konsulat ta’ Istanbul. Khashoggi spiċċa mbieċer fil-Konsulat u nħareġ mill-bini u ngħata lil xi ħadd li kien qed jikkopera magħhom iżda baqa’ ma ġiex identifikat.

S’issa għadu mhux mifhum fejn spiċċaw l-fdalijiet ta’ ġismu iżda stazzjon televiżiv Tork wera xi rġiel ħirġin b’bagalji li fihom allegatament kien hemm il-fdalijiet ta’ Khashoggi mir-residenza tal-Konslu Ġenerali tal-Arabja Sawdija f’Istanbul.

L-aġenzija tal-aħbarijiet żiedet tgħid li l-avukati difensuri talbu għall-iktar żmien biex ikollhom ċans jippreparaw id-difiża tagħhom iżda ma tawx dettalji fuq meta se jkompli jinstema’ l-każ.

Ir-Renju tas-Sawdi Arabja qal li għadu qed jistenna r-risposti mingħand l-uffiċjali Torok.

Il-ġimgħa l-oħra r-Re Salman poġġa lil Ibrahim al-Assaf, li serva bħala ministru tal-finanzi, biex jieħu ħsieb l-affarijiet barranin fi sforz biex jtejjeb ir-relazzjonijiet tal-pajjiż wara l-kriżi li ħakmet il-pajjiż minħabba l-qtil tal-ġurnalist.